 |




|
 |
Edizzjonijiet preċedenti 29/03/2007 minn: Agathe Djelalian
Jum ir-Rebbiegħa kien ġie mniedi fl-2002 fuq impuls tal-Membri tal-Konvenzjoni Ewropea. L-idea oriġinali kienet li l-istudenti jiġu infurmati dwar il-futur ta' l-UE u tal-mekkaniżmi ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej. Bit-twaqqif ta' attivitajiet pedagoġiċi, dan il-proġett kellu l-għan li jistimola l-interess u d-dibattiti dwar l-Unjoni Ewropea fost l-istudenti.
European Schoolnet mexxiet din l-attività ‘il quddiem b’kooperazzjoni ma’ u bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea. Minħabba s-suċċess tiegħu, dan l-avveniment beda jittella’ ta’ kull sena. Kull sena, in-numru ta’ skejjel li jkunu jixtiequ jieħdu sehem fir-Rebbiegħa ta’ l-Ewropa qiegħed jikber u dan għamel il-proġett wieħed mill-aktar avvenimenti ta’ suċċess marbuta ma’ l-ICT għall-iskejjel fl-Ewropa.
- Għar-Rebbiegħa 2003, 5 501 skola minn 29 pajjiż minn madwar l-Ewropa rreġistraw biex jieħdu sehem; personalitajiet politiċi nazzjonali u Ewropej ewlenin reġgħu marru lura l-iskola u kien hemm firxa wiesgħa ta’ dibattiti, attivitajiet pedagoġiċi u ċelebrazzjonijiet kulturali Ewropej.
- Rebbiegħa 2004 rat 5 627 skola jiddibattu u jiċċelebraw il-ħames tkabbir ta’ l-UE.
- Rebbiegħa 2005 kellha attenzjoni speċjali fuq il-Kostituzzjoni Ewropea. 6 620 skola rreġistraw biex jorganizzaw laqgħat, dibattiti u avvenimenti dwar valuri Ewropej, il-Kostituzzjoni Ewropea u l-ħidma ta’ l-UE b’mod ġenerali.
- Is-sena l-oħra, Ir-Rebbiegħa ta’ l-Ewropa 2006 tat attenzjoni speċjali lit-tema “Niddibattu l-Futur tagħna”. B’7 501 skola rreġistrata, hija offriet numru kbir ta’ attivitajiet u diskussjonijiet li l-istudenti kellhom madwar l-Ewropa kollha. Ħafna personalitajiet pubbliċi inklużi bejn wieħed u ieħor 150 MEPs; sitt Kummissarji Ewropej jew il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni, ħadu sehem fl-avveniment billi marru lura lejn l-iskola biex jiltaqgħu ma’ studenti, jieħdu sehem f’dibattiti u jiċċettjaw online ma’ l-iskejjel.
Ir-Rebbiegħa ta’ l-Ewropa 2007 għaddejja bħalissa! Din is-sena, nittamaw li nżidu n-numru ta’ skejjel parteċipanti madwar l-Ewropa, sabiex inkabbru l-attivitajiet u d-dibattiti kif ukoll insaħħu r-rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u l-mexxejja politiċi Ewropej. Issa jmiss lilkom li tagħmlu r-Rebbiegħa ta’ l-Ewropa 2007 suċċess akbar. Nittamaw li intom tirreġistraw, tingħaqdu mal-komunità ta’ eluf ta’ għalliema u studenti u taqsmu l-viżjoni tagħkom ta’ l-Ewropa ma’ esperti u personalitajiet ta’ l-UE.
|

|
 |